AMMINISTRAZZJONI TAD-DEJN

Rwol u funzjoni

Id-Direttorat Għall-Amministrazzjoni tad-Dejn (DMD) jopera fi ħdan id-Dipartiment tat-Teżor. Id-Direttorat twaqqaf f’Diċembru 2006, u huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tad-dejn u r-riżorsi finanzjarji tal-gvern ċentrali, u sabiex jipprovdi finanzjament speċifiku skond kif awtorizzat mill-Parlament.

L-għan prinċipali tad-Direttorat fl-amministrazzjoni tad-dejn huwa li jissellef fondi  b’mod li jiżgura li:

  1. Il-programm annwali ta’ self tal-gvern ċentrali, kemm għal terminu qasir kif ukoll dak għal terminu medju u twil, ikun iffinanzjat bl-inqas spiża possibbli u b’mod prudenti, b’konsistenza ma’ livell aċċettabbli ta’ riskju;
  2. L-iżvilupp tas-swieq finanzjarji domestiċi jingħata l-appoġġ meħtieġ; u
  3. Il-gvern ċentrali dejjem ikollu livelli adegwati ta’ fondi likwidi sabiex jonora l-obbligi finanzjarji tiegħu kif u meta dawn ikunu dovuti.

L-istruttura organizzattiva tad-DMD tirrifletti l-aqwa prattiċi internazzjonali. Abbażi ta’ dawn il-prattiċi, id-DMD huwa maqsum fi Front, Middle u Back Office, sabiex ikun żgurat li jkun hemm diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet.

Il-Front office jimplimenta l-politika ta’ self tal-gvern permezz ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ dejn; il-Middle office jagħmel riċerka u analiżi tar-riskji, kif ukoll isawwar l-istrateġija għall-amminstrazzjoni tad-dejn għall-approvazzjoni; filwaqt li l-Back office jieħu ħsieb ir-reġistrazzjoni tad-dejn, il-pagamenti kollha marbuta mad-dejn tal-gvern ċentrali u r-rappurtaġġ ta’ tali dejn.

Qafas legali għas-self

Il-Ministru għall-Finanzi, f’isem il-Gvern ta’ Malta, jista’ jissellef fondi kemm lokalment kif ukoll minn barra minn Malta, għal dawk il-finijiet kif provdut u awtorizzat b’Att tal-Parlament. L-ammont ta’ self li l-gvern ċentrali jista’ jissellef kull sena, ma jistax jaqbeż l-ammont massimu hekk kif awtorizzat mill-Parlament skont l-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-Miżuri tal-Estimi.

Is-self domestiku kollu tal-gvern ċentrali jsir permezz tad-Dipartiment tat-Teżor, mid-Direttorat għall-Amministrazzjonijoni tad-dejn (DMD). Madankollu, is-self barrani bilaterali jiġi nnegozjat mill-Ministeru għall-Finanzi, filwaqt li l-amministrazzjoni ta’ tali self issir mid-DMD.

Is-self domestiku kollu mill-gvern ċentrali jsir permezz ta’ offerti pubbliċi, il-biċċa l-kbira b’irkant. Iż-żewġ titoli ta’ dejn prinċipali maħruġa mid-Dipartiment tat-Teżor huma (i) Stocks tal-Gvern ta’ Malta, titolu negozjabbli b’terminu ta’ żmien medju u twil u (ii) Bills tat-Teżor, titolu negozjabbli ta’ żmien qasir b’tenur ta’ mhux aktar minn sena. Min-naħa l-oħra, is-self barrani kollu sal-lum ħa l-forma ta’ self bilaterali nnegozjat ma’ gvernijiet barranin, organizzazzjonijiet internazzjonali jew istituzzjonijiet sovranazzjonali u normalment ikun imfassal sabiex jiffinanzja proġetti kapitali speċifiċi.

Skond l-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, id-dejn pubbliku ta’ Malta, inkluż il-ħlas ta’ l-imgħax dovut fuqu, ħlasijiet lil Sinking Funds u l-ħlas lura tad-dejn, huwa spiża fuq il-Fond Konsolidat u fondi pubbliċi oħra tal-Gvern ta’ Malta.

Il-bażi statutorja għal self mill-gvern ċentrali hija stabbilita skont il-leġiżlazzjoni primarja u sussidjarja li ġejja:

L-Att dwar self tal-Gvern u l-Amministrazzjoni tad-dejn Pubbliku, Kap. 575

Regolamenti dwar Bonds tad-Tifdil tal-Gvern ta’ Malta (Retail Savings Bonds)

Regolamenti dwar Bills tat-Teżor ta’ Malta

Regolamenti dwar Stocks tal-Gvern ta’ Malta

L-Ordinanza dwar self Lokali, Kapitolu 161 (dwar pattijiet u kondizzjonijiet applikabbli għal self awtorizzat li jsir lokalment bil-ħruġ ta’ Stock f’Malta); [L-Att li rregola l-ħruġ ta’ Stocks tal-Gvern ta’ Malta sal-31 ta’ Awwissu 2017].

Regolamenti dwar self Lokali (Stock reġistrat), L.S. 161.01

L-Att dwar self għall-Iżvilupp, Kap. 229 (dwar self bilaterali minn barra minn Malta); [L-Att li kien jirregola self bilaterali sal-31 ta’ Awwissu 2017].

L-Att dwar l-Implimentazzjoni tal-miżuri tal-Baġit – Liġi baġitarja annwali li tawtorizza lill-Ministru għall-Finanzi jissellef fondi f’isem il-gvern ta’ Malta matul is-sena finanzjarja, sa ammont massimu stabbilit, permezz ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ dejn, u tipprovdi wkoll l-għanijiet ewlenin li għalihom il-gvern jista’ jwettaq tali self.

Identifikatur tal-entitajiet ġuridiċi (LEI): 549300CZVZYSMSGX6X78

Rinunzja

In-noti jew avviżi maħruġa mid-Direttorat għall-Amministrazzjoni tad-dejn jinħarġu għal skopijiet ta’ informazzjoni biss u ma għandhomx jinftiehmu jew ikunu ikkunsidrati bħala parir jew stedina biex jinxtraw titoli ta’ dejn. Investituri eżistenti u prospettivi huma mħeġġa jikkonsultaw ma konsulenti finanzjarji liċenzjati dwar l-implikazzjonijiet li investimenti bħal dawn jista’ jkollhom fuq is-sitwazzjoni partikolari tagħhom.