01/10/2026
B’referenza għall-Istqarrija għall-istampa nru. 261548 ta’ nhar il-Ġimgħa, l-25 ta’ Settembru 2026, l-Accountant General javża li l-prezz għal kull Stock offrut għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku ġie stabbilit kif ġej:
(i) 4.30% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2037 (II) bi prezz ta’ €100.00, b’YTM ta’ 4.2997%, li jissarraf f’rata ta’ rendiment annwali ekwivalenti għal 4.3459%, u
(ii) 4.50% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2041 (III) bi prezz ta’ €100.00, b’YTM ta’ 4.4995%, li jissarraf f’rata ta’ rendiment annwali ekwivalenti għal 4.5501%.
Aktar tagħrif jinsab fl- Istqarrija għall-Istampa ta’ nhar il-Ħamis, l- 1 ta’ Ottubru 2026.
25/09/2026
L-Accountant General qiegħed iħabbar il-ħruġ ta’ Stock tal-Gvern ta’ Malta ta’ tliet mitt miljun Ewro (€300,000,000) f’xi wieħed jew f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ stocks imsemmija aktar ’l isfel:-
Is-somma li għandha tinġabar tista’ tiżdied b’ammont sa massimu ta’ €200,000,000 oħra f’każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont offrut.
Membri tal-pubbliku li huma nteressati li jinvestu, jistgħu japplikaw għall-ammont sa massimu ta’ erba’ mija disgħa u disgħin elf u disa’ mitt Ewro (€499,900) kull persuna f’xi wieħed jew f’kull wieħed miż-żewġ stocks. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru minn persuna waħda jew flimkien ma’ persuna jew persuni oħra. L-applikazzjonijiet għall-membri tal-pubbliku jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn, 5 ta’ Ottubru 2026 fit-8.30 a.m. u jagħlqu fis-2.30 p.m. tal-Erbgħa, 7 ta’ Ottubru 2026 jew aktar kmieni, fid-diskrezzjoni tal–Accountant General.
Applikazzjonijiet mingħand investituri wholesale magħmulin f’offerti b’irkant jiftħu il-Ġimgħa, 9 ta’ Ottubru 2026 fit-8.30 a.m. u jagħlqu 12.00 pm (f’nofsinhar – ħin lokali) tal-istess ġurnata, jew aktar kmieni fid-diskrezzjoni tal–Accountant General.
L-Accountant General ser ikun qed iħabbar il-prezz ta’ kull stock li qegħdin jiġu offruti għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku nhar il-Ħamis, 1 ta’ Ottubru 2026. Dawn il-prezzijiet ser jiġu ppubblikati permezz ta’ stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI).
Ir-riżultat tal-allokazzjoni ta’ kull stock li jiġi allokat lill-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom kienet magħmula f’offerti b’irkant, jiġi mgħarraf sagħtejn wara l-ħin tal-għeluq tal-irkant.
Il-formoli tal-applikazzjonijiet tal-membri tal-pubbliku, jistgħu jinkisbu minn, u jiġu ddepożitati, għand il-membri kollha tal-Borża ta’ Malta u fornituri oħra awtorizzati ta’ servizzi ta’ investiment. Formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu wkoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor (https://treasury.gov.mt/servizzi/) minn nhar il-Ġimgħa, 2 ta’ Ottubru 2026 .
Aktar tagħrif dwar dawn l-istocks jinsab fl-Istqarrija għall-istampa maħruġa mid-DOI u fiċ-Ċirkolari tal-Offerta.