Informazzjoni - Stocks tal-Gvern ta’ Malta

L-iStocks tal-Gvern ta’ Malta (MGSs) huma titoli ta’ dejn b’maturitajiet ta’ aktar minn sena, li jħallsu l-imgħax kull sitt xhur. Il-ħruġ tal-MGSs huwa regolat mill-Att dwar self tal-Gvern u l-Amministrazzjoni tad-dejn Pubbliku (Kap. 575), mir-Regolamenti dwar Stocks tal-Gvern ta’ Malta, il-Prospett Ġenerali dwar Stocks tal-Gvern ta’ Malta, u l-Emenda għall-prospett Ġenerali dwar Stocks tal-Gvern ta’ Malta. L-iStocks tal-Gvern ta’ Malta huma nnegozjati fil-Borża ta’ Malta (MSE).

L-iStocks konvenzjonali tal-Gvern ta’ Malta b’rati ta’ imgħax fissi, huma l-istrument finanzjarju ewlieni li bih il-Gvern ċentrali jissodisfa r-rekwiżit ta’ self tiegħu kull sena. Fil-fatt, l-iStocks tal-Gvern ta’ Malta jammontaw bil-bosta għall-ogħla sehem fil-portafoll tad-dejn tal-Gvern ċentrali.

F’Novembru 2009, id-Dipartiment tat-Teżor offra għall-ewwel darba titolu ta’ dejn strutturat, fil-forma ta’ MGS b’rata ta’ imgħax varjabbli fuq terminu medju (FRN), marbuta mal-EURIBOR ta’ sitt xhur flimkien ma’ spread fiss.

Mekkaniżmu ta’ ħruġ

Fuq bażi annwali, qabel ma jibda l‑proċess sabiex jinħarġu Stocks tal‑Gvern ta’ Malta li jkopru l‑programm ta’ finanzjament għas‑sena, id‑Dipartiment tat‑Teżor, permezz tad-Direttorat għall-amministrazzjoni tad-dejn, iwettaq konsultazzjonijiet mill‑qrib mal‑Bank Ċentrali ta’ Malta bħala parti mix‑xogħol preparatorju tiegħu għas‑sottomissjoni lill‑Ministeru għall‑Finanzi ta’ proposta li tiddeskrivi l‑istrateġija ġenerali ta’ ħruġ ta’ titoli ta’ dejn u tal‑immaniġġjar tar‑riskju għas‑sena.

Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu riferuti għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Amministrazzjoni tad-dejn Pubbliku (PDMAC), li jipprovdi pariri lill-Ministru għall-Finanzi dwar l-istrateġija rakkomandata qabel l-approvazzjoni finali tal-Ministru.

L-Artikolu 18 tal-Att dwar self tal-Gvern u l-Amministrazzjoni tad-dejn Pubbliku (Kap. 575), jipprovdi għall-pubblikazzjoni tal-Pjan Annwali ta’ self sal-aħħar ta’ Jannar ta’ kull sena, permezz ta’ Stqarrija għall-Istampa maħruġa mid-Dipartiment tal-informazzjoni (DOI). Il-Pjan Annwali ta’ self jispjega r-rekwiżiti ta’ self tal-Gvern għas-sena, l-għan ewlieni għas-self tal-Gvern, it-tip ta’ MGS u strumenti ta’ dejn li se jinħarġu, il-frekwenza tal-ħruġ u indikazzjoni tat-terminu ta’ l-iStocks ġodda tal-Gvern ta’ Malta (MGSs) li jkunu se jinħarġu matul is-sena finanzjarja li ġejja.

Il-ħruġ ta’ MGSs huwa miftuħ għat-tipi kollha ta’ investituri, inkluż il-pubbliku, u irrispettivament mill-pajjiż ta’ residenza. Id-Dipartiment tat-Teżor jippubblika Ċirkolari tal-offerta għal kull ħruġ ta’ Stocks tal-Gvern ta’ Malta (MGS) fil-Gazzetta tal-Gvern, li jkun fiha t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ kull MGS offrut, normalment għaxart (10) ijiem qabel il-ftuħ tal-applikazzjonijiet.

Il-pubbliku jixtri l-iStocks tal-Gvern ta’ Malta bi prezzijiet fissi, mħabbra minn qabel, filwaqt li investituri istituzzjonali jipparteċipaw f’irkant kompetittiv Olandiż bi prezz multiplu. Il-prezzijiet tal-offerta għall-pubbliku jitħabbru permezz ta’ stqarrija għall-istampa maħruġa mid-Dipartiment tal-informazzjoni (DOI), madwar erbat (4) ijiem qabel il-ftuħ tal-applikazzjonijiet.

Il-formoli tal-applikazzjoni għall-pubbliku jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor, jew jinkisbu u jiġu depożitati għand il-Membri kollha tal-Borża ta’ Malta u fornituri oħra awtorizzati ta’ Servizzi ta’ Investiment, liċenzjati mill-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA). Il-pubbliku jista’ jixtri sa €499,900 għal kull persuna f’unitajiet ta’ €100 f’kull MGS offrut.

Offerti minn investituri istituzzjonali għall-irkant kompetittiv għandhom ikunu ta’ aktar minn €500,000, u għandhom jiġu sottomessi fuq il-formoli preskritti tal-offerta li jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor. Dawn il-formoli ta’ l-offerta għandhom jintbagħtu lid-Dipartiment tat-Teżor permezz ta’ e-mail fl-indirizzi ta’ l-e-mail indikati fuq il-formoli ta’ l-offerta jew fuq in-numru tal-fax (+00356) 2596 7210.

Ir-riżultati tal-ħruġ ta’ MGSs jitħabbru fi żmien sagħtejn mill-ħin tal-għeluq tal-irkant.

Fil-preżent ma ġiet stabbilita l-ebda sistema ta’ ‘primary dealers’ għall-MGSs f’Malta.

Aktar informazzjoni dwar l‑MGSs, inkluż il‑prezzijiet u r‑redditi fis‑suq sekondarju, tinsab fuq is‑sit elettroniku tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta.