ĦRUĠ TA' STOCK TAL-GVERN TA' MALTA - APRIL 2026

05/05/2026

Riżultat finali tal-ħruġ tal-istock tal-Gvern ta’ Malta ta’ April 2026

Id-Dipartiment tat-Teżor iħabbar ir-riżultati finali tal-ħruġ tal-istock tal-Gvern ta’ Malta ta’ April 2026. Aktar tagħrif u nformazzjoni jinsabu fl-Istqarrija għall-Istampa maħruġa it-Tlieta, il- 5 ta’ April 2026 kif ukoll fir-Riżultati tal-Ħruġ tal-istock li ġew ippubblikati fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor.

24/04/2026

Riżultat proviżorju tal-ħruġ tal-istock tal-Gvern ta’ Malta ta’ April 2026.

Id-Dipartiment tat-Teżor iħabbar ir-riżultat proviżorju tal-ħruġ tal-istock tal-Gvern ta’ Malta ta’ April 2026. Aktar tagħrif u nformazzjoni jinsabu fl-Istqarrija għall-Istampa maħruġa il-Ġimgħa, 24 ta’ April 2026 kif ukoll fir-Riżultati tal-Ħruġ tal-istock li ġew ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor.

16/04/2026

B’referenza għall-Istqarrija għall-istampa nru. 260583 ta’ nhar il-Ġimgħa, l-10 ta’ April 2026, l-Accountant General javża li l-prezz għal kull Stock offrut għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku ġie stabbilit kif ġej:

(i) 3.80% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2036 (III) bi prezz ta’ €100.00, b’YTM ta’ 3.7998%, li jissarraf f’rata ta’ rendiment annwali ekwivalenti għal 3.8359%, u
(ii) 4.10% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2041(II) bi prezz ta’ €100.00, b’YTM ta’ 4.0997%, li jissarraf f’rata ta’ rendiment annwali ekwivalenti għal 4.1418%.

Aktar tagħrif jinsab fl- Istqarrija għall-Istampa ta’ nhar il-Ħamis, is-16 ta’ April 2026.

10/04/2026

L-Accountant General qiegħed iħabbar il-ħruġ ta’ Stock tal-Gvern ta’ Malta ta’ tliet mitt miljun Ewro (€300,000,000) f’xi wieħed jew f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ stocks imsemmija aktar ’l isfel:-

  • (i)   3.80% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2036 (III); u
  • (ii)  4.10% Stock tal-Gvern ta’ Malta 2041 (II);

Is-somma li għandha tinġabar tista’ tiżdied b’ammont sa massimu ta’ €200,000,000 oħra f’każ li d-domanda tkun aktar mill-ammont offrut.

Membri tal-pubbliku li huma nteressati li jinvestu, jistgħu japplikaw għall-ammont sa massimu ta’ erba’ mija disgħa u disgħin elf u disa’ mitt Ewro (€499,900) kull persuna f’xi wieħed jew f’kull wieħed miż-żewġ stocks. L-applikazzjonijiet jistgħu jsiru minn persuna waħda jew flimkien ma’ persuna jew persuni oħra.  L-applikazzjonijiet għall-membri tal-pubbliku jintlaqgħu minn nhar it-Tnejn, 20 ta’ April 2026 fit-8.30 a.m. u jagħlqu fis-2.30 p.m. tal-Erbgħa, 22 ta’ April 2026 jew aktar kmieni, fid-diskrezzjoni talAccountant General.

Applikazzjonijiet mingħand investituri wholesale magħmulin f’offerti b’irkant jiftħu il-Ġimgħa, 24 ta’ April 2026 fit-8.30 a.m. u jagħlqu  12.00 pm (f’nofsinhar) (CET) tal-istess ġurnata, jew aktar kmieni fid-diskrezzjoni talAccountant General.

L-Accountant General ser ikun qed iħabbar il-prezz ta’ kull stock li qegħdin jiġu offruti għas-sottoskrizzjoni lill-membri tal-pubbliku nhar il-Ħamis, 16 ta’ April 2026.  Dawn il-prezzijiet ser jiġu ppubblikati permezz ta’ stqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni (DOI).

Ir-riżultat tal-allokazzjoni ta’ kull stock li jiġi allokat lill-applikanti li l-applikazzjoni tagħhom kienet magħmula f’offerti b’irkant, jiġi mgħarraf sagħtejn wara l-ħin tal-għeluq tal-irkant.

Il-formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu minn, u jiġu ddepożitati, għand il-membri kollha tal-Borża ta’ Malta u fornituri oħra awtorizzati ta’ servizzi ta’ investiment. Formoli tal-applikazzjonijiet jistgħu jitniżżlu wkoll minn fuq is-sit elettroniku tat-Teżor (https://treasury.gov.mt/servizzi/) minn nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ April 2026. 

Aktar tagħrif dwar dawn l-istocks jinsab fl-Istqarrija għall-istampa maħruġa mid-DOI u fiċ-Ċirkolari tal-Offerta.