CAUSA MORTIS
INFORMAZZJONI BIEX TIFFAĊILITA L-MISTOQSIJIET TAL-KLIJENTI DWAR IT-TRASFERIMENT (‘CAUSA MORTIS’) TA’ STOCKS TAL-GVERN TA’ MALTA U SAVINGS BONDS TAL-GVERN TA’ MALTA
INTRODUZZJONI
It-trasferiment (‘Causa Mortis’), f’termini sempliċi, huwa mezz li permezz tiegħu l-werriet huwa intitolat, mal-preżentazzjoni tal-provi, li jakkwista beni mobbli u/jew immobbli mal-mewt ta’ persuna.
GWIDA PASS PASS
Dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jistabbilixxu l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-eredi ta’ detentur li ġie nieqes, sabiex Stocks tal-Gvern ta’ Malta (MGSs) u Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta (MGRSBs) li kienu miżuma f’ismu jiġu trasferiti lill-werrieta permezz tal-proċedura ‘Causa Mortis’.
- Kif għandha ssir talba
Id-Direttorat għall-amministrazzjoni tad-dejn fi ħdan id-dipartiment tat-Teżor jipproċessa talbiet ‘Causa Mortis’ ta’ detenturi ta’ MGS u MGRSB li ġew nieqsa. Dan l-Uffiċċju jirrikonoxxi u jaċċetta biss talbiet mibgħuta minn nutar pubbliku jew avukat li għandu jinħatar mill-werrieta sabiex jipproċessa t-talba f’isimhom. Tintbagħat notifika lin-nutar pubbliku/avukat mal-wasla tat-talba.
- Konferma tat-titoli miżuma mill-mejjet
Wara li jirċievi talba ‘Causa Mortis’ mingħand in-nutar pubbliku/avukat tal-werrieta, id-dipartiment tat-Teżor jikseb mingħand il-Borża ta’ Malta (MSE) dawn il-konfermi msemmija hawn taħt:
(a) Stock tal-Gvern ta’ Malta (MGS):
(i) Stocks irreġistrati f’isem il-mejjet biss u/jew miżmuma b’mod konġunt ma’ persuni oħra;
(ii) Stocks miżmuma f’isem persuni oħra iżda li minnhom il-mejjet kien igawdi d-dritt ta’ użufrutt.
Sal-finalizzazzjoni tat-trażmissjoni/trasferiment tat-titoli, il-kontijiet tal-Borża ta’ Malta (MSE) fir-rigward tal-investimenti msemmija hawn fuq jiġu mblukkati mid-Depożitarju Ċentrali tat-Titoli (CSD) u ma jkun permess l-ebda negozju fl-MGSs.
(b) Savings Bond tal-Gvern ta’ Malta (MGRSB):
(i) Bonds miżmuma f’isem il-mejjet biss.
- Liema dokumenti huma meħtieġa?
It-talba ‘Causa Mortis’ ippreżentata minn nutar pubbliku/avukat trid tinkludi din l-informazzjoni u tkun akkumpanjata bid-dokumenti mniżżla hawn taħt, li jridu jkunu ittimbrati u ċċertifikati bil-linka minn nutar pubbliku/avukat għall-awtentikazzjoni tagħhom:
- dettalji sħaħ tal-mejjet inkluż l-isem sħiħ, il-kunjom, in-numru tal-karta tal-Identita’, l-istat ċivili u l-indirizz permanenti qabel il-mewt;
- dikjarazzjoni minn persuna kwalifikata (jiġifieri Ministru tar-reliġjon, jew nutar pubbliku jew avukat) li tiċċertifika li hija kienet taf il-membri tal-familja tal-mejjet. Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi lista sħiħa bl-ismijiet kollha tas-superstiti/werrieta, l-użufruttwarji u l-legatarji, bin-numru tal-karta tal-identita` u l-indirizz ta’ kull wieħed;
- iċ-Ċertifikat ta’ Riċerka testamentari tar-Reġistru Pubbliku u ċ-Ċertifikat ta’ Riċerka testamentari tal-Qorti maħruġ mir-Reġistru Pubbliku u s-Sekond Awla tal-Qorti Ċivili rispettivament, li jikkonfermaw (jew xort’ oħra) l-eżistenza ta’ testmenti magħmula mill-mejjet;
- kopja tat-testment/testmenti rilevanti (jekk ikun hemm);
- kopja legali tad-Digriet tal-Qorti li jikkonferma l-ftuħ tas-suċċessjoni mis-Sekond Awla tal-Qorti Ċivili fil-każ li l-mejjet miet intestat u l-valur tal-bonds ikun jammonta għal aktar minn €17,000;
- dikjarazzjoni ċara minn nutar pubbliku/avukat li tikkonferma:
(i) il-persuna/i u l-ammonti rispettivi li lilhom se jiġu devoluti l-MGSs; u,
(ii) jekk l-MGSs hux se jiġu trasferiti/reġistrati f’isem il-werrieta jew mibjugħa.
- Diviżibbilta` tal-MGS
L-iStocks tal-Gvern ta’ Malta huma diviżibbli f’multipli ta’ €100.
- Meta huwa meħtieġ ftehim privat?
Il-werrieta huma meħtieġa jidħlu fi ftehim privat quddiem nutar pubbliku/avukat meta t-titoli tal-MGS ma jkunux jistgħu jinqasmu eżatt sal-anqas ċenteżmu skont id-dispożizzjonijiet tal-aħħar testment tal-mejjet, minħabba l-limitazzjoni ta’ diviżibbilta` msemmija f’punt 4 hawn fuq.
Tali ftehim privat, debitament iffirmat mill-eredi kollha u n-nutar pubbliku/avukat, għandu jiġi sottomess lid-dipartiment tat-Teżor flimkien mad-dokumentazzjoni l-oħra ‘Causa Mortis’.
- Bejgħ tal-MGS li ntiret
Jekk il-werrieta jixtiequ jillikwidaw (ibiegħu) l-MGS, persuna maħtura mill-werrieta tingħata prokura jew mandat permezz ta’ ftehim privat, biex tittratta ma’ intermedjarji finanzjarji awtorizzati sabiex ibiegħu l-MGS f’isimhom. Prokura mogħtija lil residenti Maltin għandha tiġi attestata minn nutar pubbliku jew avukat. Prokura mogħtija minn eredi mhux residenti f’Malta u mgħamula barra minn Malta, għandha tiġi sottomessa skont ir-rekwiżiti msemmija f’paragrafu 10 (b) aktar l’ isfel.
Bis-saħħa ta’ tali prokura jew ftehim privat għal dan il-għan, id-dipartiment tat-Teżor joħroġ permess li jawtorizza lill-MSE tiżblokka l-kontijiet rilevanti tal-MSE u jippermetti l-bejgħ tal-MGSs mill-persuna maħtura. Kopja ta’ dan il-permess tiġi mibgħuta lin-nutar pubbliku/avukat tal-werrieta.
Il-bejgħ ta’ MGS għandu jsir mill-persuna maħtura permezz ta’ intermedjarju finanzjarju awtorizzat, wara li tiġi ppreżentata l-prokura jew il-ftehim privat, u l-permess maħruġ mid-dipartiment tat-Teżor. Ir-rikavat kollu mill-bejgħ tal-MGSs jgħaddi lill-persuna appuntata skont il-ftehim.
L-MGSs huma nnegozjati fil-Borża ta’ Malta f’multipli ta’ 100.
- Iż-żamma tal-MGS li ntiret
Skont it-talba ‘Causa Mortis’ ippreżentata minn nutar pubbliku/avukat, il-werrieta jistgħu jagħżlu li jżommu l-MGS li ntiret u jittrasferuhom f’isimhom skont l-istruzzjonijiet mogħtija lin-nutar pubbliku/avukat. F’dan il-każ:
(a) għandu jitħallas dritt ta’ €6.50 fuq kull trasferiment f’kull titolu;
(b) tintbagħat formola lin-nutar pubbliku/avukat li tinkludi:
(i) L-għażla tat-taxxa mill-werrieta li tikkonferma l-preferenza tagħhom ta’ kif jixtiequ jirċievu l-imgħax fil-futur (jew nett wara tnaqqis tat-taxxa minn ras il-għajn [Final Withholding Tax] ta’ 15% jew gross); u,
(ii) struzzjonijiet li jikkonfermaw il-bank u l-kont bankarju konformi mas-SEPA (IBAN) li fih pagamenti futuri ta’ imgħax għandhom jiġu kkreditati (iddepożitati);
(ċ) fil-każ li l-iStocks tal-Gvern ta’ Malta jiġu assenjati lil entita` legali (ġuridika), għandu jiġi pprovdut in-numru tal-Identifikatur ta’ Entità Ġuridika (LEI).
Hekk kif jitħallsu it-tariffi tat-trasferiment, u il-formoli ta’ għażla tat-taxxa u tat-trasferiment dirett tal-kreditu SEPA jaslu għand id-dipartiment tat-Teżor, jiġi pproċessat rilaxx lis-CSD sabiex it-trasferiment tal-iStocks ikun jista’ jsir mill-Borża ta’ Malta. Meta jsir dan it-trasferiment, l-MSE toħroġ avviż ta’ reġistrazzjoni lid-detenturi l-ġodda li jikkonferma li l-MGS li ntirtu issa ġew irreġistrati f’isem il-werrieta.
- Likwidazzjoni tat-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta
Is-62+ Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta, maħruġa skond ir-Regolamenti dwar Retail Savings Bonds tal-Gvern ta’ Malta, huma bonds mhux trasferibbli. F’dan ir-rigward, it-62+ MGSBs irreġistrati f’isem persuna mejta jitħallsu lura lill-werrieta mal-finalizzazzjoni tat-talba ‘Causa Mortis’.
- X’jiġri mill-ħlasijiet ta’ imgħax u/jew ħlasijiet lura ta’ kapital (jekk ikun hemm) li jkunu nħarġu bejn id-data tal-mewt tad-detentur tal-iStock u l-finalizzazzjoni tat-talba ‘Causa Mortis’?
Man-notifika ta’ mewt ta’ detentur ta’ MGS, il-Borża ta’ Malta timblokka l-kontijiet tal-MSE tal-mejjet.
Kull imgħax jew ħlas lura ta’ kapital li jirriżulta minn dawn il-kontijiet jinżamm fid-dipartiment tat-Teżor f’kont apposta, sal-finalizzazzjoni tat-trasferiment tat-titoli.
Meta t-talba ‘Causa Mortis’ tkun ġiet iffinalizzata, kull ammont miżmum fid-dipartiment tat-Teżor sakemm jiġi ffinalizzat it-trasferiment, jitħallas lill-werrieta skont l-istruzzjonijiet mogħtija minn nutar pubbliku/avukat.
Ma jitħallas l-ebda imgħax addizzjonali fuq dawn l-ammonti miżmuma mid-dipartiment tat-Teżor.
- Werrieta residenti barra minn Malta
(a) Eredi/Legatarji residenti barra minn Malta għandom jissottomettu:
(i) in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (TIN) tal-pajjiż fejn l-eredi qed jirresjedi;
(ii) Data, post u pajjiż tat-twelid;
(iii) in-numru tal-passaport, id-data tal-ħruġ u l-pajjiż li minnu jkun inħareġ il-passaport.
(b) Fl-eventwalità li tingħata Prokura minn eredi residenti f’pajjiż esteru, din għandha tkun postillata u awtentikata mill-Awtorità Kompetenti fil-pajjiż fejn l-istess eredi ikun/tkun qed jirresjedi/tirresjedi.
(ċ) F’każ ta’ Probate, kopja oriġinali jew awtentikata tal-Probate ghadha tiġi mehmuża. F’każ ta’ European Certificate of Succession, trid tkun mehmuża kopja ċċertifikata tiegħu.
(d) Fejn tkun meħtieġa traduzzjoni ta’ dokumenti li ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea (UE), dawn għandhom jiġu tradotti biss minn traduttur li huwa reġistrat mal-Awtorita` Kompetenti (fl-UE dan ir-rekwiżit huwa kkontemplat u maħsub fiċ-ċertifikat tas-Suċċessjoni).