Bills tat-Teżor Informazzjoni Ġenerali

Il-Bills tat-Teżor huma titolu ta’ dejn ta’ terminu qasir, negozjabbli u mingħajr kupun, maħruġa b’maturitajiet sa sena. Il-Bills tat-Teżor jinħarġu bi skont u jinfdew bil-valur nominali. Dawn it-titoli ta’ dejn jikkostitwixxu għodda utli għall-amministrazzjoni tal-flus tal-Gvern ċentrali, primarjament biex ikopru żbilanċi temporanji fil-flussi tal-flus ta’ kull ġimgħa tal-Gvern ċentrali u, it-tieni, sabiex tinżamm il-likwidita’ fis-suq sekondarju domestiku għall-Bills tat-Teżor. Il-ħruġ ta’ Bills tat-Teżor huwa regolat mill-Att dwar self tal-Gvern u l-Amministrazzjoni tad-dejn Pubbliku (Kap. 575), ir-Regolamenti dwar il-bills tat-Teżor ta’ Malta, u l-Prospett Ġenerali tal-bills tat-Teżor ta’ Malta.

Mekkaniżmu Ta’ Ħruġ

Il-Bills tat-Teżor jinħarġu kull ġimgħa permezz ta’ proċess kompetittiv ta’ offerti (irkant). L-irkant tal-Bills tat-Teżor normalment isir kull nhar ta’ Tlieta, u d-data tas-saldu tiġi ffissata għall-Ħamis ta’ wara (ċiklu ta’ saldu T+2). Meta d-data tal-irkant jew id-data tas-saldu, jew kwalunkwe jum bejn id-data tal-irkant u d-data tas-saldu, taħbat f’jum mhux tan-negozju, l-irkant isir fl-ewwel jum tan-negozju tal-istess ġimgħa. Id-Dipartiment tat-Teżor jiffoka l-ħruġ tiegħu fuq it-terminu ta’ 91 jum, li jikkostitwixxi l-parametru referenzjarju tas-suq monetarju, għalkemm il-ħruġ jista’ jinkludi wkoll taħlita ta’ Bills tat-Teżor ta’ 28 jum, 182 jum, 273 jum u 364 jum.

Il-kalendarju tal-irkanti ta’ kull xahar, bid-dettalji tat-terminu, id-data tal-irkant u d-data tas-saldu ta’ kull Bill individwali li jkun ser jiġi irkantat kull ġimgħa, jitħabbar lill-Borża ta’ Malta u jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern bil-quddiem kull xahar.

Il-ħin tal-għeluq kemm għall-irkant tal-Bills tat-Teżor, kif ukoll għas-saldu finanzjarju huwa ffissat fl-10.00 a.m. Ħin Ċentrali Ewropew (CET). Fil-preżent, l-irkant isir manwalment, u l-allokazzjoni tal-Bills tat-Teżor hija ddeterminata mill-metodu tal-irkant Olandiż bi prezz multiplu, jiġifieri, il-prezz pagabbli minn kull offerent rebbieħ huwa l-prezz offrut fl-irkant.

Il-parteċipazzjoni fl-irkanti tal-Bills tat-Teżor hija miftuħa kemm għall-membri tal-pubbliku, kif ukoll għal istituzzjonijiet, irrispettivament mir-residenza tal-offerent.

L-offerti jistgħu jintbagħtu lid-Dipartiment tat-Teżor permezz ta’ fax fuq in-numru tal-fax (+00356) 2596 7210 jew permezz ta’ e-mail fl-indirizzi indikati fuq il-formoli preskritti.

Ir-riżultati tal-irkant, li jinkludu l-pubblikazzjoni tal-offerti milqugħa kif ukoll dawk mhux aċċettati,  jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tat-Teżor mill-aktar fis possibbli wara l-ħin tal-għeluq għall-offerti. L-offerenti li jintgħażlu jiġu nnotifikati permezz ta’ ittra personalizzata ta’ aċċettazzjoni mibgħuta bil-posta elettronika.

Informazzjoni dwar prezzijiet u redditi tas-suq sekondarju, kif ukoll aktar informazzjoni dwar il-Bills tat-Teżor jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku tal-Borża ta’ Malta u mis-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.