Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ddeskriva l-ġurnata tal-lum bħala waħda importanti ħafna għall-pajjiż peress li ġie ffirmat ftehim li permezz tiegħu se ssir bidla radikali fis-sistema tal-accounting għas-settur pubbliku kollu. Din is-sistema kienet ilha mwegħda għal bosta snin iżda beda x-xogħol fuq it-tender fl-2014.
Din is-sistema, imsejħa Corporate Financial Management Solution (CFMS) hija stmata li se tiġi tiswa €11.6 miljun. L-implementazzjoni tas-sistema se ssir mill-konsorzju Grant Thornton Malta - Unit 4. L-iffirmar tal-ftehim sar dalgħodu bejn il-konsorzju u d-Dipartiment tal-Kuntratti. L-implimentazzjoni se ssir fuq perjodu ta’ 30 xahar.
L-Accountant
Ġenerali tad-Dipartiment tat-Teżor Paulanne Mamo qalet li l-oġġettivi primarji
tas-sistema huma li din se tkun qed tieħu post is-sistema eżistenti (DAS). Fissret
li din issa se tkun qed tgħin aktar biex id-dipartimenti jkollhom aktar
rappurtaġġ konsistenti u preċiżi.
Bl-implimentazzjoni ta’ din is-sistema d-Dipartimenti tal-Gvern se jkunu qed iżommu rendikont aktar trasparenti tad-dħul u l-infiq tagħhom fejn se jkunu qed jaqilbu minn sistema ta’ cash flow accounting għal sistema magħrufa bħala accrual accounting
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti s-Sur Anthony Cachia sostna li dan id-Dipartiment għandu d-dmir li jara li jiġu implimentati l-aħjar proċeduri fl-għoti tal-kuntratti mill-Gvern.
L-iffirmar tal-ftehim sar bejn id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Kuntratti s-Sur Anthony Cachia u s-Sur Joseph Pullicino partner ta’ Grant Thornton Malta.